Il-Karnival fi Tfuliti

Illum il-festa tal-karnival u għalhekk xtaqt naqsam magħkom it-tifkiriet tal-karnival ta’ żmien tfuliti.

Irrid nibda biex ngħid li l-Ħamis ta’ qabel il-karnival kienu jsejħulha il-Giovedi’ Grass. F’din il-ġurnata konna mmorru l-iskola u filgħodu nagħmlu il-lezzjonijiet bħas-soltu iżda x’ħin immorru lura wara nofs in-nhar kienu jtuna nofs ta’ nhar bla lezzjonijiet. Kienu jniżżluna fil-bitħa u hemm konna nqattgħu sagħtejn nilgħabu. Konna nilgħabu bil-ballun, iż-żibeġ, kif ukoll niġru wara xulxin u nagħtu daqqa cat, kif ukoll mistoħbija avolja fil-bitħa ftit li xejn kien hemm fejn tistaħba. Fil-bitħa kien hemm kamra bis-saqaf mwaqqa u bla bieb u konna noqgħodu nirreċtaw fiha. Konna nivvintaw xi storja qasira u erħilna nirreċtawha ta’ tfal li konna. Barra l-logħob konna nieħdu magħna x-xorb kif ukoll xi ħelu. Minn kien iġib mid-dar jew konna nixtru mingħand Rafela li kellha ħanut tal-ħelu quddiem l-iskola. Hemm trid tara kif konna noħdulha moħħa lill Rafela min irid il-ħelu tas-sold erba’, minn irid il-ħelu taż-żambur, min irid il-wafer jew xi ċikkulata bil-kupuni ta’ l-artisti jew chewing gum bil-kupuni tal-għasafar, wieħed isbaħ mill ieħor. Insomma konna nagħmlu festa sħiħa.

Il-karnival ukoll kien jiġi ċċelebrat il-Belt bil-karrijiet u l-maskarati bħall ma jiġu ċċelebrat daż-żmien. Id-differenza hi li dan iż-żmien l-karrijiet u l-maskerati huma aktar ellaborati. Iz-zija Lucy kull sena kienet tħitilna kostum tal-karnival. Darba għamlitli libsa kollha disinji, twila sa l-art bil-maktur marbut ma rasi u dan kien kostum ta’ xiħa. Hekk kienu jilbsu ħafna min nisa anzjani specjalment fl-irħula Maltin. Kostum ieħor li niftakar sew kien il-kostum ta’ Tork. Iz-zija kienet ħitili qalziet iswed bi drapp tas-satin li jintuża għal kostumi tal-karnival, għamlitli qmis ħamra u sidrija sewda. L-aktar li kien għoġobni kien il-kappel li għamlitli iz-zija. Il-kappell kien jikonsisti f’kaxxa żgħira tal-kartun b’waħda mill faċċata tal-kaxxa miftuħ. Din ksietha bis-satin aħmar iżda l-aktar li kienet tgħoġobni kienet labra kbira ħafna kollha fosos ikkuluriti li z-zija waħlet fin-nofs tal-quddiem tal-kappell. Niftakar li għamluli l-mustaċċi biex niġi nidher bħala raġel Tork. Kostum ieħor kien dak ta’ infermiera. Iz-zija kienet ħititli libsa griża bil-fardal abjad bil-frill mad-dawra tal-quddiem. Għal rasi għamlitli maktur abjad u fuq quddiem tiegħu irrakmatli bl-aħmar il-kelma nurse. Kemm kienet tħobbna iz-zija u kemm kienet tieħu paċenzja bina. Ommi u missieri dejjem ħaduna il-Belt naraw li sfilata tal-karnival il-Ħadd wara nofs in-nhar u dejjem kienu jixtrulna xi suffara jew xi ħaġa tal-karnival. Il-perlini bil-lewża ġo fihom ukoll kienu jinxtraw għal din il-festa. U jien għadni nħobbhom sal-lum. It-Tnejn u t-Tlieta tal-karnival kienu jkunu vaganzi mill-iskola bħall ma għadhom jkunu f’dan iż-żmien . Allura erħilni nilbes xi żarbun tat-takkuna t’ommi li għalkemm kien jiġini kbir xorta kont noħroġ bih imbasta intektek dik it-takkuna li kont dejjem noħlom meta ser nikber biżżejjed biex nibda nilbes iż-żarbun bit-takkuna. Bħali kienu jagħmlu ħafna tfal oħra. Konna wkoll nippruvaw nagħmlu xi ftit żebgħa ma wiċċna. Kien hemm tfal li ommhom kellha xi stoċċ lipstick u kienet terfgħu għal meta tmur xi mkien speċjali u jdellku ftit wiċċhom bih biex jagħmlu il-wardiet ħomor u jgħidu li għamlu ir-rouge kif ukoll jiżbgħu xuftejhom bil-lipstick ta’ vera iżda jien peress li ommi qatt m’użat lipstick, kont nixtri il-ħelu li konna ngħidulu tas-sugu di galizia insib il-ħelu l-aħmar kont inxarrbu bi ftit riq tiegħi stess u x’ħin il-kulur jinħall kont niżbogh xuftejjha. Il-festa tal-karnival kienet mifruxa fuq tlitt ijiem li kienu jkunu tlitt ijiem qabel ras ir-Randan. Karnival ġejja miż-żewġ kelmiet carne vale jiġifieri jiswa il-laħam u n-nies kienet tiekol u tiffanga fl-ikel qabel ma jibda ż-żmien ta’ penitenza għax tkun riesqa il-festa tal-ġimgħa l-kbira. Ngħiduha kif inhi ma tantx setgħu jiffanagaw fl-ikel in-nies għax kien hawn ħafna faqar iżda kienet tradizzjoni li fil-karnival jissajar ir-ravjiul u t-torti tal-ġbejniet friski. In-nies kienet tipprova tiddeverti ftit kif tista għax iż-żmien tar-Randan kien veru żmien ta’ sagrifiċċju dak iż-żmien . il-knisja ta’ dak iż-żmien ma kienitx tieħu pjaċir tara lin-nies jieħdu ftit pjaċir u għalhekk dawn it-tlitt ijiem tal-karnival kienet tgħid li huma il-festi tax-xitan u biex tpatti għal xi dnubiet li setgħu isiru f’dawn il-ġranet kienet torganizza l-irtiri f’diversi għaqdiet reliġjużi. Jiena mhux l-ewwel darba li attendejt għal dawn l-irtiri għax kienu jkunu ser immorru sħabi u kont nitħajjar u mmur maghħom. Niftakar sew irtir li mort għand is-sorijiet tal-Qalb ta’ Gesu’ li kellhom dar fi Triq il-Buskett ir-Rabat. Kien it-Tnejn tal-Karnival u morna f’xi tmienja ta’ filgħodu u għamilna hemm sa xi l-erbgħa ta’ wara nofs inhar. Kienu għamlulna quddiesa u wara ħarġuna fil-bitħa fejn qagħdna nilgħabu u nieklu u nixorbu il-ħobż u x-xorb li ħadna magħna kif ukoll xi ħelu. F’xi ħin għidna ukoll ir-rużarju u xi talb ieħor fil-kappella stess ta’ l-istess dar u l-ġurnata għaddiet f’ħakka t’għajn.

Hajr: Josephine Fenech  26 February at 10:36

Comments are closed.