Kull min jaħseb fuq ir-Rabat
inkella lir-Rabtin iżur
l-ewwel post li jiġi f’mohhu
huwa s-Saqqajja żgur.
Fil-konfini tal-iMdina
parti mir-Rabat jitqies
is-Saqqajja l-bieb tar-Rabat
frekwentat minn ħafna nies
Żewġt ixjuħ fuq bank izekzku
jgħidu fuq kull min għaddejj
qabel ftit li xejn ħin kellhom
u llum m’għandhom x’jagħmlu xejn.
Jgħidu fuq t-tfal tal-bandli
In-nies jieklu f’ristorant
min jieqaf jagħti l-petrol
tal-karozza jimla t-tank.
U jiftakru kemm fl-imgħoddi
kważi tilfu x-xarabank
min għax waqaf għall-gazzetta
jew jiġbed il-flus mill-bank.
U jiftakru ukoll fl-imnarja
iż-żwiemel tat-tiġrija
xi planċier armat għall-banda
għall-programm fil-għaxija
L-għajn tal-bhejjem mimli ilma
u l-bdiewa għaddejjin
In-nisa l-ħwejjeġ jaħslu
taħt il-binja tal-każin.
Jiftakru meta fil-gwerra
bosta bini mġarraf
fl-attakk qalil mill-għadu
dwar il-vittmi Toni jtarraf.
Toni l-Mulej għajjatlu
warajħ Ġużeppi, Pawlu
Ir-rekordji tas-Saqqajja
hemm warajhom iħallu.
Michel Bugeja [08/10/2011]
© www.rabatmalta.com
Iktar Informazzjoni fuq is-Saqqajja