IL-MUSEUM

Josephine Fenech

Meta konna nagħlqu ħames snin u nibdew mmorrru l-iskola, nibdew ukoll mmorru l-MUSEUM biex nippreparaw ruħna għall-Preċett u l-Griżma tal-Isqof, eżatt kif għadu jsir llum. Jiena għamilt il-preċett fl-1952 u għalhekk bdejt mmur il-MUSEUM minn sena qabel.

Il-MUSEUM kien u għadu jitmexxa mill-għaqda tas-soċi tal-MUSEUM li kien waqqaf Dun Gorg Preca fl-1907, illum qaddis. Fir-Rabat il-MUSEUM twaqqaf fl-1932, l-ewwel b’fergħa tas-subien u aktar tard għal bniet. Ix-xebbiet tal-mużew li kienu jghallmu l-bniet kienu jilbsu libsa sewda twila biċ-ċinta m’għonqhom, żarbun iswed kif ukoll kalzetti suwed ħoxnin. Fuq iċ-ċinta tal-libsa kienu jilbsu il-beġġ tal-MUSEUM li fuqha kellha miktub “Verbum Dei Caro Factum Est”. Xagħarhom kienu jħalluħ twil mmaljat u mibrum f’qagħqa. Biex din l-uniformi tkun kompluta kienu jilbsu fuq rashom għonella sewda. Minn informazzjoni li ksibt id-drapp tal-għonella kien jissejjaħ ‘Ottoman’. Drapp li l-kwalità tiegħu llum m’għadux jeżisti. L-għonella kienet tintlibes fuq ir-ras u tibqa nieżla sa fuq il-kuxtejn. Biex l-għonella żżomm soda fuq ir-ras kienu jinħietu żewġ kartuniet ħoxnin fuq xulxin u bejniethom titqiegħed baliena biex il-kartun jkun jista jintlewa xi ftit mal-forma tal-quddiem tar-ras Dan il-kartun kien jinkesa bid-drapp tal-għonella u fit-tarf jinħiet xi ftit ġmiegħ. B’hekk x’ħin wieħed jilbes l-għonella ikun qisu liebes qlugħ ta’ xi dgħajsa u meta tkun xi ġurnata riħ erħilu ir-riħ jonfoħ fl-għonella u wieħed kien ikkollu jdawwar l-għonella sew miegħu biex ikun jista jimxi. Wieħed jista’ jimmaġġina li din id-dehra ta’ dawn ix-xebbiet tal-MUSEUM għalina it-tfal żgħar xejn ma kienet dehra pjaċevoli, għalkemm l-għonella kienet titneħħa x’ħin dawn ikunu ġewwa u b’hekk kienu jidhru aħjar. Ħafna minn dawn ix-xebbiet tal-MUSEUM kienu jkunu għadhom żgħar iżda b’dan l-ilbies kienu jidhru ferm akbar milli fil-verità kienu. Irrid ngħid ukoll li ħafna minnhom kienu xebbiet sbieħ. Il-progress ma jżommu ħadd u llum l-għonella inqatghet u x-xebbiet tal-MUSEUM issa jistghu jilbsu lbies ta’ kulur differenti. Ix-xagħar ukoll jista’ jinqata pulit mar-ras. Il-ġuvintur tal-MUSEUM ma kellhomx dehra li ddejjqek. Kienu kuljum jilbsu il-ġlekk sew jekk fix-xitwa kif ukoll fis-sajf, il-qmis kienet tintlibes mingħajr ingravata u kienu jqaxxru xagharhom ma rashom (crew-cut). Fuq il-pavru tal-ġlekk kienu .jilbsu il-beġġ tal-MUSEUM. Tal-MUSEUM kelllhom ukoll diversi regolamenti fosthom li biex ikunu fl-għaqda jridu jkunu xebbiet u ġuvintur. Regolament ieħor kien li ma setgħux jattendu festi. Tal-MUSEUM setgħu jattendu festa billi jieħdu sehem fil-purċissjoni bħala pellegrinaġġ billi jitolbu matul il-purċissjoni. Ma setgħux jattendu għal xi marċi jew logħob tan-nar. Jiena qatt ma stajt nifhem dawn ir-regolamenti għax la ma tagħmel, xejn ħażin u ma toffendix ’l Alla x’fiha ħażin li tieħu pjaċir? Wara kollox anke l-Mulej attenda t-tieġ ta’ Kaana biex jieħu gost. Iżda, dawn kienu l-ideat ta’ San Ġorġ Preca tmenin sena ilu.

Jiena kont mmur il-MUSEUM f’dar li kien hemm fil-‘Ħofra’ ta’ San Pawl. Misraħ San Pawl inbidel mil-lejl għan-nhar fis-snin sittin. Il-loġoġ ta’ faċċata tal-knisja ma kinux hemm iżda kien hemm djar u ħwienet maġemb xulxin. Artiklu li darba qrajt jgħid li mad-dawra ta’ Misraħ San Pawl kien hemm mhux anqas minn sebgħa u għoxrin ħanut. Triq Santa Rita fejn illum jintrama l-monti ma kinetx teżisti iżda kien hemm foss b’razzett tal-baqar, blat u haxix. Biex tmur għal Triq Emmanuele Vitale stajt tgħaddi biss jew minn fuq San Katald ġħall Triq Bir ir-Riebu jew inkella minn Triq ir-Rebħa jew Strada Vitorja kif kienet magħrufa f’dawk iż-żmienijiet. Quddiem il-knisja ma kienx hemm dik il-bankina tonda bil-bankijiet li hemm llum iżda kienet pjanura waħda. Mill-‘Grotto Tavern’ safejn llum hemm ‘La Piazza’ kien hemm sqaq taħt il-livell tat-triq li kien jissejjaħ il-Ħofra ta’ San Pawl. Fil-Ħofra ta’ San Pawl kien hemm id-djar ta’ żewġ familji faċċata ta’ ħajt għoli sat-triq li kien jispiċċa f’ċint t’erbgħa filati. Fil-faċċata tal-isqaq kien hemm maħżen kbir u biswitu dar bil-bieb aħdar. Il-maħżen kien ta’ Rokku li kien grossista magħruf fir-Rabat. .F’dan il-maħżen Rokku kien jaħżen dqiq, zokkor, u dak kollu li kien itella’ mix-xatt biex wara jqassmu fil-ħwienet tal-merċa. Id-dar bil-bieb l-aħdar kienet id-dar fejn aħna it-tfal konna mmorru il-MUSEUM biex nitgħallmu id-duttrina. Għalhekk issa wieħed jista’ jifhem aktar meta jisma’ lil xi ħadd tampari jgħid li kien imur il-MUSEUM fil-ħofra ta’ San Pawl.

Kif tidħol fid-dar fejn konna nitgħallmu d-duttrina kont issib taraġ wieqaf. Fuq kien hemm tliet ikmamar li kienu jintużaw bħala klassijiet. Mill ġenb kont tidħol fl-ewwel kamra li kienet mdaqqsa mhux ħażin u kellha wkoll gallerija żgħira tonda bil-ħadid li kienet tiġi għal fuq l-isqaq.

Din il-gallerija kellha bieb tal-ħġieġ li kien jinżamm dejjem magħluq biex ħadd minnha t-tfal ma jażżżarda jmur jixxabbat mill-gallerija. Minn din il-kamra kont tgħaddi ghall kamra oħra fin-nofs li minnha tidħol f’kamra oħra b’tieqa li jekk titawwal minnha tara l-bitħa kbira ħafna tal-maħżen ta’ Rokku. Wara din il-bitħa kont tista’ tara ġnien kbir u sabiħ. L-istess bħall gallerija din it-tieqa kienet tinżamm magħluqa. F’din l-aħħar kamra kont tidħol għal tojlit żgħir. Kull kamra kienet mgħammra b’xi sitt bankijiet twal wieħed wara l-ieħor. Kuljum il-bankijiet kienu jintlew bi tfal żgħar li jiġu għad-duttrina għax peress li l-familji kienu jkunu numerużi kull sena kien ikun hemm numru mdaqqas ta’ tfal għall-preċett jew il-griżma. It-tfal li ser jagħmlu il-preċett u l-griżma kienu jattendu il-MUSEUM darbtejn f’ġimgha. Nhar t-Erbgħa ma kienx ikkollna MUSEUM. Darba fix-xahar konna nħallsu tliet soldi li jiġu 2 ċenteżmi ta’ euro biex tal-MUSEUM ikollhom biex iħħallsu d-dawl u l-ilma tad-dar tal-MUSEUM. Meta nħallsu kienu jtuna santa żgħira ta’ xi qaddis jew tal-Madonna jew tal-Bambin. Tgħidx kemm kienu jkunu sbieħ. Jiena dejjem kont nerfagħhom.

Kien hemm numru ġmielu ta’ xebbiet tal-MUSEUM biex jgħallmuna d-duttrina. Niftakar sewwa lil Ġiġa, Ġuża Ciantar, Emma, Marikarm, Grezz oħt is-superjura Karmena, Karmni tal-Borom, kif ukoll Grace Busuttil. Naħseb li dawn ix-xebbiet kollha kienu bejn wieħed u ieħor tal-istess età bejn l-għoxrin u t-tletin.. Is-superjura Karmena Portelli kienet xi ftit akbar mill-oħrajn, filwaqt li Grace Busuttil li dak iż-żmien konna nsejħulha Grezz kienet waħda mill-iżgħar soċi tal-MUSEUM. Grace Busuttil illum hija is-superjura tal-MUSEUM tal-bniet. Hija tmexxi l-MUSEUM b’dixxiplina iżda bl-istess kariżma li kellha magħna it-tfal fis-snin ħamsin. Ħafna ommijiet kienu jwasslu ’l uliedhom il-MUSEUM iżda jiena dejjem kont mmur ma Ġuża Ciantar, għax din kienet toqgħod ħdejna, anzi waħda mill-kmamar tagħna kellha tieqa tagħti għal bitħa tagħha, u għalhekk x’ħin isir il-ħin tal-MUSEUM kemm kienet tgħajjatli mill-bitħa u mmur u niġi lura magħha. Meta kien ikollha xi laqgħa wara l-lezzjoni tagħna kienet tavża ’l ommi biex tiġi għalija.

Meta llum nara kif jitgħallmu id-duttrina għal preċett u l-griżma n-neputijiet tiegħi nara differenza kbira min kif konna nitgħallmu aħna. Naf u ninsab ċerta li tal-MUSEUM kienu jagħmlu l-almu tagħħom kollu biex jgħallmuna iżda ż-żminijiet jinbidlu u magħħom inbidlet is-sistema tat-tagħlim tad-duttrina. Illum għandhom il-kotba fuqhiex jitgħallmu u tal-MUSEUM kif ukoll il-katekisti jagħmlu l-lezzjonijiet tad-duttrina ferm aktar interessanti. Tal-MUSEUM kient tistaqsina, “Għalfejn ħalqek Alla?” u aħna nwieġbu b’kantaliena “Alla ħa-la-qni biex NGĦARRFU (Din ngħajtuha u nieqfu għal pawsa żgħira) INĦOBBU (ngħajtuha wkoll), NAQDIH (bl-għajjat ukoll) u wara mmur ingawdih fil-ġenna għal dej-jem”, (u nispiċċaw bil-kantaliena u t-tkarkira ta’ għal dejjem). Iżda l-kantaliena ma kinitx biżżejjed iżda donnu biex inżommu ċertu ritmu konna nxejru saqajna kif ukoll nixxenglu minn naħa għal oħra Il-lezzjoni tibqa’ sejra bl-istess mod billi bl-istess kantaliena u tbandil erħilna ngħidu il-Missierna, il-Ħobżna, is-Sliema u l-Qaddisa kif ukoll is-Salve Reġina, il-Kredu, l-Att tal-Fidi, l-Att ta’ Tama u oħrajn. L-aktar importanti li nitgħallmu kienet l-Att tal-Indiema għax qabel nitqarbnu fil-preċett ridna nqerru u ridna ngħidu l-Att tal-Indiema sew. Xi xahar qabel nagħmlu l-preċett kienu jgħallmuna kif nitqarbnu. Dan kienu jagħmluh billi jixtru xi ftit ostji mingħand min jagħmel l-ostji għal quddies u billi dawn ma jkunux għadhom tbierku ituna waħda kull wieħed fuq ilsielna u b’hekk nitgħallmu kif nibilgħu l-ostja. Kienu jgħidulna li meta l-ostja tkun fuq ilsiena ma nkunux nistgħu immissuha b’idejna u wisq iżjed bis-snien, iżda kellna biss nibilgħuha mill-ewwel. Qabel nitqarbnu kellna noqgħodu sajmin mill-aħħar ikla li nieklu qabel norqdu u filgħodu lanqas ftit ilma ma stajna nieħdu aħseb u ara xi tazza ħalib! Għal preċett konna nitħarrġu wkoll kif nqerru għax mat-tqarbin imur il-qrar. Kienu jagħlmuna li hemm id-dnubiet venjali jew dnubiet żgħar u hemm ukoll id-dnubiet mejta li bażikament kienu d-dnubiet li jiksru il-kmandamenti t’Alla. Allura biex jagħlmuna kienu jsaqsuna ‘jekk persuna tisraq dik xi dnub tkun għamlet’ u aħna nwieġbu dejjem bil-kantaliena li din tkun għamlet ‘dnub mejjet kbir li jissejjaħ sagrileġġ’. Meta mmorrru nqerru lil qassis irridu ngħidulu d-dnubiet kollha u għalhekk kellna naħsbu dnubietna sew u jekk kellna xi dnub li konna nistħu nqerruh kien ikollna ngħidu lill qassis ‘Sur Patri għandi dnub nistħi nqerru u mbagħad hu jghina kif inqerruh. L-ewwel qrara tiegħi bqajt niftakaha u ser ngħid għal xiex. Mela jien liz-zija Lucy kont mhux darba u t-tnejn noqgħod ngħollilha d-dublett. Dan kont nagħmlu aktar biex niċċajta magħha. X’tistenna minn tifla ta’ sitt snin! Iz-zija Lucy kienet tgħidli kemm jien pastaża għax nagħmel hekk u kienet tgħidli wkoll li la nagħmel il-preċett irid immur inqerr għax qed nagħmel dnub. Tabilħaqq wasalt għall-ewwel qrara u din il-biċċa bdiet tinkwetani. Il-ħin kollu naħseb kif ser ngħidlu lis-saċerdot għax bdejt nistħi. Allura għamilt kif qaltilna tal-MUSEUM u għidtlu li għandi dnub nistħi nqerru. Min jaf il-qassis biex ħaseb li jien ħierġa fl-ewwel qrara tiegħi! Naħseb sa ma sema’ dnubiti f’qalbu qal ‘din l-ewwel qrara aħseb u ara l-quddiem kemm ser ikkollha aktar dnubiet tistħi tqerrhom’. X’ħin inħares lura lejn dan l-episodju lanqas naf nidħaqx bl-innoċenza tiegħi jew nibkix għal mod kif kienu jdaħħlulna ċerti affarijiet f’moħħna.

Il-ġurnata tal-preċett bdiet toqrob ġmielha u għalhekk bdew il-preparamenti. Żgur li ma kinux xi preparamenti ellaborati bħalma jsiru llum il-ġurnata, iżda ċerti affarijiet riedu jsiru bifors. Iz-zija Lucy u ommi minn xi xahar qabel ħadu ħsieb imorru il-Belt biex jixtru d-drapp għal-libsa tal-preċett kif ukoll xtraw it-tull għall mant. Xtrawli wkoll iż-żarbun u l-kalzetti u l-ingwanti bojod. Hekk kif iz-zija kellha d-drapp f’idejha ntefgħet b’ruħha u ġisimha għal-ħjata tal-libsa wara li penġiet fuq biċċa karta kif ser tagħmilha. Xejn ta’ barra minn hawn iżda sempliċi u sabiħa adattata għal tifla ta’ sitt snin. Kienet bir-refki fil-korp kif ukoll tliet refki fuq xulxin fid-dublett. Flimkien mal-libsa z-zija ħititli wkoll il-borża biex fiha nkun nista npoġġi l-maktur. Il-mant ukoll għamlituli iz-zija. Hija mmuntat il-mant madwar tlitt fjuriet tal-organdie bil-pettne mwaħħħal magħħom. Il-mant ħabbatha ftit liz-zija għax dan id-dinja ta’ pettne ma ried bl-ebda mod iżomm sod fuq rasi peress li jien minn dejjem kelli xagħri irqiq u ħafif. B’hekk ġie deċiż li jagħmluli xagħri pin up biex xagħri jiħxien u il-pettne tal-mant ikkollu f’hiex jidħol. Ommi wkoll kienet tħobb tagħmel xagħrha pin up speċjalment meta kien ikkollha xi okkażżjoni bħal xi tieġ jew għal festa ta’ San Pawl għax hi wkoll kellha xagħra rqiq u ħafif. Kienet tiġi Pawla ta’ Kunċett biex tagħmlilha l-pin up u għalhekk żmien sew qabel il-preċett ommi qalet lill Pawla ta’ Kunċett biex tagħmilli xagħri pin up. Qaltilha ftit kmieni biex sal-preċett xagħri jilħaq joqgħod għax fl-ewwel ġimagħtejn wara li tagħmillek dan il-pin up tkun qisek golliwog b’dawk in-nokkli rqaq ma rasek iżda umbagħad ix-xagħar jibda jikber ftit u jieħu dehra aħjar. Pawla kienet ġiet darba s-Sibt, meta ma kellix skola, fit-tmienja ta’ filgħodu, u bil-paċenzja kollha bdiet tofroq ix-xagħar ftit ftit tpoġġi karta qisha tissue fuq ix-xagħar li tkun ser tobrom u f’nofs siegħa barmitli xagħri kollu fuq ħafna molol ikkuluriti. Xarbet dawn il-molol bil-likwidu jismu pin-up. Dan kellu riħa tant pessma li kienet tidħol f’imnifsejk u tibqa nieżla fi griżmejk. Wara dan l-eżerċizzju Pawla marret id-dar u jien qagħdt b’rasi bil-molol sa l-erba’ ta’ filgħaxija. X’ħin Pawla reġghet ġiet, neħħiet il-molol kollha xarbitli xagħri b’likwidu li kien ikun f’pakkett żgħir fil-kaxxa flimkien mal-flixkun tal-pin-up u l-karti u wara ħaslitieli u hekk filli kelli xagħri lixx u filli ġie nnukklat irqiq.. Eh issa m’hemmx dubju li l-pettne tal-mant jaqbad sew ma xagħri u l-mant joqgħod sew u pulit. Jiena kont ferm anzjuża li jasal il-preċett għax apparti li kif kienu jħeġġuna tal-MUSEUM kont ser nirċievi il-Bambin kont ser nilbes dik il-libsa bajda bil-mant u kont ser inkun qisni għarusa. Wara kollox min jaf kemm-il darba sibt xi purtiera tal-bizzilla u poġġejtha fuq rasi u jien u ħija qagħdna induru mad-dar, nilgħabu jien l-għarusa u hu jew l-għarus jew il-bridesmaid warajja jerfagħli l-mant. Il-preparamenti kienu fl-aqwa tagħhom iżda mhux l-ewwel darba li kienet tgħaddili minn moħhi li kollox kien qed isir ta’ xejn għax kien baqa’ li jsir l-eżami tal-preċett u skont tal-MUSEUM jekk ma ngħaddix minn dan l-eżami ma nagħmilx il-preċett. Jien id-duttrina kollox kont tgħallimt iżda xorta kont qed nibża’ min dan l-eżami, wara kollox eżami hu u naħseb kien l-ewwel eżami li għamilt. Ġimagħtejn qabel il-preċett ġie l-MUSEUM il-kappillan Dun Lawrenz Spiteri u qagħad bilqegħda fi klassi battala filwaqt li aħna t-tfal qagħdna serbut fi kju biex nidħlu waħda wara l-oħra għal dan l-eżami orali.. Meta messni qalli biex inrodd is-salib, talabni ngħidlu xi talb li tgħallimt bħal-missierna u l-kredu u xi mistoqsijiet oħra li tgħallimna fid-duttrina tani santa u kitibli fuqha li għaddejt. Tgħidx kemm ħriġt ferħana mill-MUSEUM dak inhar. Xi ġimagħtejn qabel il-preċett ommi xtratli mill-MUSEUM id-domna bil-kalċi u l-ostja mnaqqxin ġo fiha. Din kienet tiddendel m’għonqi b’żigarella bajda. Ommi xtratli wkoll xemgħa u meta waslet il-ġurnata tal-preċett rabtitli magħha b’żigarella bajda ġilju abjad.

Fil-ġurnata tal-preċett iz-zija Lucy ġiet kmieni d-dar tagħna biex tlibbissni hi l-libsa tal-preċett. Iz-zija Lucy ma kelliex ulied tagħha iżda dan il-vojt imlietu bija u b’ħija għax kienet tħobbna daqs li kieku konna t-tfal tagħha u jiena ngħid għalija xejn anqas. Għadni s’issa ħamsa u għoxrin sena wara mewta li meta ngħid talba għar ruħ ommi ngħid oħra għar-ruħ iz-zija Lucy għax għadni nqisha bħala t-tieni omm tiegħi. Inġbarna kmieni f’Misraħ il-Paroċċa quddiem il-Knisja ta’ San Pawl. In-nies jiggustawna u jgħidulna kemm aħna sbieħ bil-libsa tal-preċett u l-mant. Is-subien kienu lebsin ġlekk u qalziet twil jew qasir abjad, żarbun abjad, domna bħal tagħna l-bniet iżda flok mdendla m’għonqhom mwaħħla fuq il-pavru kif ukoll fuq il-komma tal-ġlekk tan-naħa tal-lemin kellhom mwaħħal ċoff tas-satin bil-kalċi u l-ostja impenġija bil-pen painting fuqu. Is-subien ukoll f’idejhom kellhom xemgħa bil-ġilju. Għamluna tnejn tnejn wara xulxin fuq kull naħa, l-ewwel il-bniet u wara s-subien u bdejna mexjin f’purċissjoni minn fejn San Pawl għal Triq il-Kulleġġ, dorna għall Triq Konti Ruġġieru, għaddejjna minn Triq San Franġisk, Triq l-Isptar u ġejna fi Triq il-Kbira , għal Triq San Pawl u dħalna l-knisja. X’ħin għaddejna minn quddiem l-isqaq tagħna hemm kienu ommi, missieri u z-zija jarawni għaddejja. Fuq quddiemnett tal-purċissjoni tifla naqra akbar minna wisq probabbli li kienet għamlet il-preċett sena qabilna żammet bandalora ċelesti u aħna mxejna warajha nkantaw l-innijiet ‘Nadurawk ja ħobż tas-sema’ u ‘Tina l-ħlewwa tal-ilsna tas-sema’ u xi innijiet oħra lill Qalb ta’ Ġesu. L-organnizzaturi kienu l-membri tal-mużew rġiel u nisa li matul it-triq qagħdu jiggwidawna kif nimxu u jpoġġuna f’postna jekk xi waħda minnha toħroġ mir-ringiela. Fil-knisja saret il-quddiesa u x’hin il-quddiesa spiċċat tellawna għarkubtejna fuq il-presbiterju (l-altar) u s-saċerdot qarbinna. X’ħin ħriġna mill-knisja sibt lil ommi tistennieni ma ħafna ommijiet oħra. Peress li kont sajma kelli ħafna ġuħ u ommi lestiet kejk kif ukoll tazza ruġġata magħmula mit-trab tal-larinġ jew trab tal-lumi li dak iż-żmien konna nixtru bil-kwart mill-ħanut tal-merċa. Għal din iċ-ċelebrazzjoni żgħira stiednet biex jieħdu biċċa kejk miegħi lill Ċali ta’ Mari’ ta’ ħdejna kif ukoll lill Katie tal-Migarruwa. Dawn it-tnejn kienu xi tlitt snin akbar minni iżda kienu tnejn mill-ftit tfal ġirien li kelli. Kien hemm ukoll Leli ta’ Ċikka u oħtu Mary iżda Leli kien daqsi u għamel il-preċett miegħi u għalhekk ried jiċċelebra hu ukoll din l-okkażżjoni. Wara li kilna u xrobna ħriġna nilgħabu barra. Rigali qlajt ftit mingħand il-ġirien u z-zijiet. Minn tani kuruna u minn tani ktieb tal-knisja. Ktieb tal-knisja bl-Ingliż li kien għal qalbi ferm u kont nieħdu miegħi il-knisja kuljum kienet tagħtuli Carmena Ciantar, oħt Ġuża Ciantar tal-MUSEUM. Fuq l-ewwel faċċata kelli miktub On your First Holy Communion. From Carmen Ciantar 13-6-1952. Wara nofs in nhar erġajt ilbist il-libsa tal-preċett u ommi u missieri ħaduni Raħal Ġdid biex tarani in-nanna omm missieri kif ukoll iz-zijiet ħut missieri. Meta jien għamilt il-preċett ma kienux jittieħdu rittratti fil-knisja iżda kien jittieħed rittratt tal-okkażżjoni fi studio. L-aktar fotografers rinomati fi żmieni kienu Cassar, Blackman, u Ciancio tal-Hamrun kif ukoll l-Express ta’ Raħal Ġdid. L-Express kellu l-ħanut tal-fotografija bi studio fejn tieħu r-rittratti fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid. Għalhekk il-mawra sa Raħal Ġdid serviet mhux biss biex jarawni z-zijiet u n-nanna iżda anke biex ħaduli ir-rittratt tal-preċett għand l-Express. Il-fotografer poġġieni bil-wieqfa b’idi l-leminija sserraħ fuq ġinnokkjatur u f’idi x-xellugija nżomm ktieb tal-knisja. Warajja poġġa xena tal-Bambin b’idu merfugħa qisu qiegħed iberikni. L-Express kellu ħafna rittratti sbieħ fil-mostra u ma nafx meta lesta r-rittratt tal-preċett tiegħi kienx għamlu wkoll fil-mostra.

It-Tnejn filgħodu sebħet ġurnata normali bħas-soltu u jiena mort il-quddies fil-knisja ta’ San Franġisk li kienet biss erba passi l-bogħod minfejn noqgħodu aħna. Illum is-saċerdot iqarben wara l-elevazzjoni iżda fi snin ħamsin kien iqarben qabel jibda jqaddes u wara li jispiċċa l-quddiesa. Jien ddeċidejt li nitqarben qabel u wara l-quddiesa. X’ħin mort lura d-dar nsib l-ommi tixtri l-ħalib mingħand Rużarja l-Migarruwwa u dħalt ngħidilha ‘Ma taf li llum il-Bambin ġie darbtejn għandi għax tqarbint darbtejn’ Ommi bdiet trodd is-slaleb u tgħid ‘Ara din x’għamlet marrett titqarben darbtejn, x’kull waħda wkoll, mela ma tafx li ma tistax tagħmel hekk’. Li kieku jien kont naf kont ser nitla nitqrben darbtejn?. Qaltli biex nieħu ħsieb nqerr għax b’hekk għamilt dnub u hekk ħassitha sserraħ il-kuxjenza. X’ħin mort l-iskola kien hemm xi tfal li ġabu xi ħaġa tal-ħelu f’borża lil għalliema li kienet Miss Bonavia. Is-santi tal-preċett li jiġu stampati b’tifkira tal-okkażżjoni b’talba żgħira fuqhom u bl-isem u l-kunjom tat-tifel jew tat-tifla u bid-data ta’ l-okkażżjoni kienu għadhom ma bdewx isiru minn kullħadd iżda din l-użanza kienet għada qed tibda tidħol. Mill klassi tiegħi kien hemm xi tfal li għamlu dawn is-santi u ġew taw waħda lill għalliema. Jiena la tajtha ħelu u lanqas santa u għadni qatt ma ninsa kemm ħassejjtni anqas mill oħrajn. Fejn is-soltu kont dejjem nirrakkonta u l-ħabel ikun f’idejja din id-darba mmuttajt quddiem din is-sitwzzjoni. L-għalliema saqsietni x’kien ġrali iżda jien weġibtha li ma kien ġrali xejn. Mur għidilha kemm kelli aptit nibki dak il-ħin. M’iniex nagħti l-ebda tort l-ommi li m’għamlitlix is-santi jew m’għamlitliex festini. Dak iż-żmien kienu il-ħafna li ma jagħmlux u l-ftit li jagħmlu. Meta ħija għamel il-preċett l-użanza li tingħata santa bħala tifkira tal-preċett kienet daħlet sew u ommi għamlitlu santi lill ħija iżda mhux qabel ma saqsietni jekk jiena nsibx oġġezzjoni, biex b’hekk isserraħ il-kuxjenza li ma kienitx għamlet preferenzi ma ħija.

Ftit snin qabel ma jien wasalt għal griżma, il-griżma u l-preċett kienu jsiru fl-istess ġurnata. Filgħodu l-preċett u filgħaxija l-griżma. Jien għamilt il-griżma sena wara l-preċett. Għalhekk ġimgħa wara li għamilt il-preċett erġajt bdejt immur il-MUSEUM biex jippreparawni għal griżma. Din is-sena id-duttrina kienet aktar tagħlim fuq l-Ispirtu s-Santu. Tgħallimna d-Doni ta’ l-Ispitru s-Santu u kif l-Ispirtu s-Santu jgħinna biex ngħixu ta’ nsara tajba. . Għal din l-okkażżjoni kienet tintagħżel il-parrina. Il-parrina tiegħi kienet iz-zija Lucy. Peress li f’sena ma nkunux kbirna ħafna konna nilbsu il-libsa tal-preċett għall griżma, iżda l-parrina kienet taħseb għal lbies pulit tal-okkażżjoni kif ukoll kien hemm min jilbes il-kappell avolja l-griżma kienet ssir f’xi l-erba’ ta’ waranofsinhar.

Il-knejjes illum jinsabu kollha attrezzati bil-bankijiet iżda ma kienx hekk fis-snin ħamsin. F’dak iż-żmien fil-knejjes kienu jintużaw is-siġġijiet tas-sada jiġifieri is-saqajn u d-dar kienu jkunu tal-injam filwaqt li l-maqgħad kien ikun tas-sada li huwa materjal qisu bejn tiben u ħabel irqiq. Dawn is-siġġijiet kienu jitpoġġew wieħed fuq l-ieħor fir-rokna ta’ fejn il-bieb tal-knisja u qabel ma tibda l-quddiesa is-sagristan joqgħod fejn il-bieb tal-knisja biex kull minn jidħol jagħtih sitt ħabbiet u hu jtiħ siġġu biex imur joqgħod bilqegħda fejn irid fil-knisja. Avolja kullħadd seta joqgħod fejn irid xorta minn ġurnata għal oħra kullħadd kien iżomm postu u dejjem il-knisja kienet tispiċċa maqsuma bin-nisa fuq naħa u l-irġiel fuq naħa oħra anke jekk ikunu koppja miżżewwġa l-mara toqgħod naħa u r-raġel joqgħod oħra. Kien hemm nies speċjalment anzjani li ma kinux jifilħu joqgħodu għarkubtejhom waqt l-elevazzjoni għalhekk fil-ħin li suppost joqgħodu għarkubbtejhom b’sinjal ta’ qima kienu jbaxxu rashom waqt li jitmejjlu bis-siġġu fuq l-ewwel żewġ saqajn tiegħu. Waqt li jmejlu s-siġġu kienu jżommu siġġu ieħor quddiemhom biex ikkollhom ma x’hiex iżżommu u b’hekk iħħossuhom aktar siguri li ma jistgħux jaqgħux meta jmejlu s-siġġu. Dawn in-nies kienu jħallsu sold għal żewġ siġġijiet.

Fil-griżma dawn is-siġġijiet kienu jintramaw f’żewġ ringieli mill altar sal bieb ta’ barra. Ir-ringieli kienu jkunu waħda f’kull naħa tal-knisja b’tali mod li jħallu passaġġ wiesgħa bejniethom. F’ringiela ta’ naħa kienu joqgħodu il-bniet u fir-ringiela tal-faċċata joqgħodu s-subien. Is-siġġijiet kienu jitpoġġew darhom iħares lejn il-passaġġ biex aħna t-tfal noqgħodu għarkubbtejna fuq il-maqgħad wiċċna jħares lejn id-dahar tas-siġġu. Il-parrini joqgħodu wara l-filjozzi (it-tifla jew it-tifel) b’idhom il-leminija fuq l-ispalla leminija tal-filjozzi tagħħom. L-isqof joħroġ jamministra s-sagrament tal-griżma billi jibda min fejn l-altar jidlek iż-żejt u l-balzmu jgħid it-talb u bil-werrej u t-tielet sebgħa t’idu l-leminija immissilna ħafif ħafif il-warda ta’ wiċċna. Kienu jgħidulna li l-isqof ser itina daqqa ta’ ħarta u jien tgħidx kemm kont inkwetata li ser nweġġa’ b’din id-daqqa!. Hekk kif l-isqof ilesti lill kullħadd konna noħorġu mill knisja Suldati ta’ Kristu.

Il-festini biex jiġi ċċelebrat Jum l-Ewwel Tqarbina kienu għadhom mhumiex popolari iżda bil-mod il-mod bdiet tidħol id-drawwa li jsir festin għal okkażżjoni tal-griżma tal-Isqof. Meta Ċali ta’ Mari ta’ ħdejna għamel il-griżma ommu għamlitlu festin. Għal din l-okkażżjoni lill Ċali kont sliftu il-pultruna tiegħi tal-wicker (qasab) biex joqgħod bilqegħda fuqha matul il-festin. Għadni sal lum niftakar kemm kont ħassejtni kburija li l-pultruna qiegħed bilqegħda fuqha persuna importanti u li dan il-festin kien qed isir għad unur tiegħu. Il-festin fil-griżma ma kienx isir biss għad unur tat-tifel jew it-tifla li tagħmel il-griżma iżda anke biex jirringrzzjaw lill parrini li jkunu daħlu għal din ir-risponsabbilità. Jien ukoll kelli festin biex niċċelebra l-griżma tal-isqof. Ommi u missieri stiednu liz-zijiet ħut missieri u l-erbgħa ġirien ta’ madwarna. Biex ikkollna biżżejjed siġġijiet għal mistednin iddubbajna xi siġġijiet mingħand Mari ta’ ħdejna kif ukoll mingħand Karmena oħt Ġuża Ciantar. Għamilnihom ħdejn xulxin fil-bitħa żgħira tagħna u għamilna wkoll xi ftit ġewwa. Iz-ziju Karm, ir-raġel taz-zija Lucy kien jaf jaħdem fl-elettriku għalhekk ħa ħsieb li jagħmel xi ftit bozoz fil-bitħa. Id-dar tagħna kienet żgħira iżda f’xi okkażżjoni bħal din meta ommi kienet tistieden lin-nies u trid tħabbel moħħha fejn ser joqgħodu dejjem kont nisma’ l-ommi tgħid li d-dar żgħira u l-qalb kbira, u tabilħaqq hekk kien, għax dejjem laqgħet lill kullħadd bil-ferħ u bil-qalb. Fil-festini li kienu jsiru f’dak iż-żmien ma kienx jiġi servut l-ikel bħal ma jsir illum iżda kien jiġi servut il-ħelu. Ommi ordnat mingħand Tanti tal-Ġelati, biskuttini tar-raħal, pastini biċ-ċirasa fuqhom, biskuttini tal-lewż morr, perlini u pasti rjali (pastini żgħar ffurmati mill-entrita tal-lewż miksijin bil-ġelu ta’ kulur differenti u boċċa bajda fuqhom). Tgħidx kemm kienu jkunu sbieħ fil-gabarrè. Kien ikun hemm ukoll kejk kollu passolina u żbib. Biex kollox ikun komplut fl-aħħar jisserva l-ġelat tal-bezzun. Il-bezzun kien ikun kartell mdaqqas mimli sa ftit aktar min-nofsu bis-silġ. Fuq is-silġ kienu jitfgħu il-melħ biex is-silġ ma jinħallx malajr. F’dan il-kartell bis-silġ kienu jpoġġu kontenitur bil-ġelat u jagħmlu l-għatu biex il-ġelat ma jinħalx. Dan il-bezzun kien iservi flok freeżer. Il-ġelat kollu biċċiet tal-lewż u ċirasa kien jisserva fi plattina bil-pane di Spagna miegħu. Il-pane di Spagna kienet tkun jew kwadra jew tawwallija li kienu jgħidulha finger . Illum hawn ħafna kwalitajiet ta’ ġelati iżda żgur li l-ebda ġelat ma jiżboq it-togħma tajba li kellu il-ġelat tal-bezzun! Qlajt diversi rigali. Iz-zija, il-parrina tagħtni par imsielet tad-deheb. Qlajt ukoll kotba tal-knisja minn bil-qoxra tal-kartun bajda, u oħrajn bil-qoxra tal-plastik oħxon u kuruni bojod, roża, u qishom tal-fidda. Dawn kienu jkunu f’kaxxi mill-isbaħ. Qlajt fonti tal-ilma mbierek biex jiddendel fuq is-sodda u qabel ma torqod tagħmel salib fuq moħħok bl-ilma mbierek, kif ukoll inkwadri tal-Madonna u tal-Bambin jew ta’ xi qaddis bl-inkwatru tal-majka biex tpoġġiħ fuq il-komodina. Wieħed mix-xjuħ li kien f’Ta’ Saura kien bgħatli man-nannu portemonnaie tal-madre perla. Kemm kien sabiħ u kemm fraħt bih!

Meta nagħmlu l-griżma ma nibqgħux mmorru il-MUSEUM. Stajna nibqgħu mmorru il-MUSEUM jekk konna niddeċiedu li nsiru soċi tal-mużew. Tal-MUSEUM kienu jħeġġuna biex xorta nibqgħu nattendu xi għaqda reliġjuża l-istess bħal m’għadhom jagħmlu llum. Jiena dħalt f’diversi għaqdiet iżda ħaġa tal-iskantament ma nafx għaliex iż-żmien tiegħi f’dawn l-għaqdiet dejjem kien qasir ħafna. L-ewwel ma bdejt mmur kienet l-Azzjoni Kattolika. Kienet tgħallimna Ġanna tal-Grun, li meta żżewwiġt kienet toqgħod triq bogħod minni u kull meta kont niltaqa’ magħħa dejjem ftakart fiż-żmien tal-Azzjoni Kattolika. Konna niltaqgħu nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija. Il-post fejn konna niltaqgħu kienet kantina fi Triq San Franġisk. F’din it-triq hemm it-taraġ li jagħti għal Triq Ġorg Borg Olivier u li jiġi faċċata ta’ Ta Saura. Din il-kantina kienet il-kantina tal-ispiżerija li kien hemm fil-kantuniera fejn illum hemm it-traffic lights ta’ quddiem Ta’ Saura. M’għandix idea x’konna ngħamlu fil-laqgħat ta’ l-Azzjoni Kattolika iżda iżda naf li ma tantx domt mmur dawn il-laqgħat.

Wara l-Azzjoni Kattolika dħalt fil-Legion of Mary. Kienet tieħu ħsieb il-Legion Miss Saliba l-Kbira. Konna ngħidulha hekk għax hi u oħtha kienu it-tnejn għalliema fl-iskola primarja u biex niddistingwuhom konna nsibuhom bħala Miss Saliba l-kbira u Miss Saliba ż-żgħira. Konna niltaqgħu fil-kamra ta’ fuq ta’ dar fi Triq il-Kbira x’imkien ftit il-fuq minn Ta’ Sura. Fl-ewwel laqgħa li attendejt kienu tawni santa tal-Madonna li fuqha kellha miktub ħafna talb fosthom ir-rużarju li ridna ngħiduh kulljum. Fl-aħħar tal-laqgħa kienu jtuna x-xogħol x’nagħmlu li konna ngħidulu il-work tal-ġimgħa. Dan kien jikkonsisti billi jew għal dik il-ġimgħa mmorru nżuru xi xiħa jew lil xi ħadd marid. Kienu anke jtuna l-inkarigu li ngħidu ir-rużarju fil-familja jew immorru għand xi familja u nistednuhom jgħidu ir-rużarju magħna. Li ngħid ir-rużarju d-dar ma kont insibha xejn bi tqila iżda li mmur għand in-nies ngħidilhom jgħidu r-rużarju miegħi jew immur nżur xi xiħa jew xi ħadd marid dawn kont nistħi nagħmilhom. Wara kollox kont għadni tifla ta’ tnax il-sena. X’ħin rajt li m’iniex nobdi r-regolamenti kif suppost malajr għidt saħħa ukoll lil Legion of Mary.

Amy Vassallo kienet fil-klassi tiegħi u għal xi żmien kienet ukoll fil-bank miegħi. U għalhekk konna sirna ħbieb sew. Amy kienet toqgħod fi Triq Santu Wistin. Il-Patrijiet ta’ Santu Wistin kienu waqqfu għaqda li kien jisimha Crusaders of Christ. Din l-għaqda kienet tieħu ħsiebha Lily oħt Amy. Amy daħlet f’din l-għaqda u kienet ħajret xi tfal biex jidħlu f’din l-għaqda. Jien tħajjart u dħalt. Kien wasal Ħadd il-Palm u biex din l-għaqda tiġi inawgurata konna ħadna sehem fil-purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm lebsin l-uniformi tal-iskola u fuqha ilbisna terħa li minn fuq l-ispalla tinżel għal qadd bil-kliem irrakkmat kulur isfar CRUSADERS OF CHRIST. Bħas-soltu iz-zija kienet ħadet paċenzja bija u fi żmien qasir rrakkmatli dawn il-kliem fuq it-terħa. Ħriġna mill-knisja ta’ Santu Wistin bil-weraq taż-żebbuġ f’idejna u inżilna Is-Saqqajja, dorna mal-HSBC (dak iż-żmien Barclays Bank) tlajna minn quddiem il-ġnien u dorna għal Vjal Santu Wistin għal quddiesa. M’għandix idea li wara din il-purċissjoni attendejt għal xi laqgħa oħra ta’ din l-għaqda. Il-purċissjoni kienet l-ewwel u l-aħħar darba li jien attendejt fl-għaqda tal-Crusaders of Christ.

Fl-aħħar ddeċidejt li ma nidħol fl-ebda għaqda oħra. Hekk nista ngħid li ġie fi tmiemhu iż-żmien lajk tiegħi. Inħares lejn dan iż-żmien bħala żmien sabiħ. Żmien li grazzi għal tal-MUSEUM saħħaħ fija valuri nsara. Żmien li fih tgħallimt fuq DAK li qatt ma jħallina weħedna meta niffaċċjaw l-inkwiet u l-problemi tal-ħajja.

Leave a Reply