JB Cassar

John B. Cassar – Kompożitur [20/02/1922] – []

John B. Cassar Photo

John B. Cassar twieled l-Isla fl-20 ta’ Frar 1922. Fil-familja kienu ħamest aħwa. Hu li kien il-kbir kien pjuttost timidu u kwiet.

Il-logħob tiegħu meta kien tfajjel kien bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Dawn kienu jkunu vari tat-tafal li kien jixtrihomlu missieru. Kien iħobb jilgħab ħafna bl-affarijiet tal-knisja u jħobb jarma l-artal skont il-kalendarju liturġiku.

Fiż-żgħożija kien ippubblika magażin sportiv, li kien popolari ħafna fost it-tfal.

L-ewwel edukazzjoni ħadha fl-Iskola Primarja tal-Isla sakemm daħal għand il-Freres li kienet f’Bormla. Wara tliet snin għamel eżami għal-Liċeo li kien f’Bormla stess. Fl-1933 daħal is‑Seminarju u fi tmiem it-III sena tal-Istudju għamel l-Oxford u l-Matrikola. Is-snin li għamel is-Seminarju kellu ħajra għal Saċerdot iżda din sfaxxat fix-xejn.

L-istudju minn dejjem kien iħobbu John, partikolarment il-matematika u x-xjenza li fuqhom kien jisker. Kien iħobb ħafna t-Taljan ukoll.

Wara li kien għadda mill-eżamijiet beda jgħallem fl-Iskola Primarja tan-Naxxar.

Safrattant faqgħet il-Gwerra. Fil-bidu l-familja Cassar baqgħet l-Isla peress li l-attakki ma kinux daqshekk ħorox mit-Taljani, iżda mbagħad kellhom jitilqu.

Hu jsemmi kif darba minnhom fi dlam ċappa qabdu toilet u daħal fil-latrina ta’ Bormla. Hekk kif beda jagħmel toilet sema’ twerżiqa li ttarrax. Bil-biża’ telaq jiġri l-barra b’kemm kellu saħħa.

Sussegwentement skopra li kollox oriġina meta daħal jagħmel toilet fuq persuna oħra li kienet fl-istess latrina hi wkoll. Ġara li ż-żewġ persuni ma ndunawx b’xulxin u kien biss meta John għamel toilet fuq l-ieħor li faqgħet it-twerżiqa l-persuna l-oħra.

Jekk id-dar fl-Isla kienet ħelsitha mill-bumbardamenti mill-ajru tat-Taljani, dan ma kienx il‑każ meta bdew l-attakki Ġermaniżi. Id-dar inqerdet għal kollox. Fiha kien hemm ftit għamara.

John inġabar bil-lieva mal-KOMR. Daqqa kien ikun stazzjonat f’post u f’daqqa ieħor u kellu xi esperjenzi mill-qrib mal-mewt mal-għadu meta kien stazzjonat fil-barracks tal-Wardija.

Fil-frattemp kien hawn nuqqas kbir ta’ persunal mediku f’Malta u John tħajjar li jidħol għall-kors tal-mediċina wara li l-Gvernatur kien ħareġ applikazzjonijiet għal suldati li kellhom il-kwalifiċi meħtieġa.

Peress li John kien akkanit ħafna għall-mediċina u x-xjenza huwa tħajjar japplika, u b’hekk ma jibqax aktar mal-lieva.

Għalhekk fl-1943 telaq mil-lieva u beda l-kors tal-mediċina fl-università tal-Belt. Sakemm beda l-kors sab ħafna tfixkil sa anke bgħatulu l-pulizija għax qalu li seraq 2,000 papoċċa. Wara li pprotesta l-innoċenza tiegħu, u l-pulizija tħarrġet sew irriżulta li fil-fatt ma kienx John Cassar, imma ppruvaw iwaħħlu fih.

Il-kors li beda kellu jabbandunah mar-IV Sena u minflok mar jaħdem it-Tarzna. Hu xtaq li jiżżewweġ lil Edwige li ltaqa’ magħha fi żmien il-gwerra. Huma żżewwġu fl-1946 u ġew joqgħodu r-Rabat.

Fit-Tarzna għamel 8 snin jaħdem hemm bħala kaxxier. Kellu rimors kbir li ma kienx baqa’ jistudja. Kollox deher li ser jibqa’ b’dak ir-rimors minħabba li fl-ewwel 8 snin ta’ żwieġ kellu diġà 6 itfal.

Iżda l-fortuna reġgħet daħqitlu. Kien fetaħ kors fil-Baċellerat fl-Edukazzjoni flgħaxija u seta’ jattendi għalih wara l-ħin tax-xogħol.

Sabiex ikompli bl-istudji tiegħu kellu jħalli t-Tarzna u beda jaħdem il-Pitkali fejn ix-xogħol kien ikun wara nofsinhar.

Hekk li kull filgħodu kien jattendi l-Università fejn reġa’ beda l-kors tal-mediċina u filgħaxija kien jattendi l-kors tal-Baċellerat fl-Edukazzjoni wara nofsinhar.

Hu ggradwa fl-edukazzjoni u beda jgħallem fil-Liċeo tal-Belt imbagħad wara kompla jgħallem fil-Liċeo tal-Ħamrun. Għallem bejn l-1953 sa l-1983 u kien jgħallem il-kimika.

Mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni huwa spiċċa bħala Assistent Kap tal-Iskola tal-Gżira fejn flimkien ma’ Gużè Cardona kien xtara statwa tal-Madonna u f’ċeremonja ħelwa kkonsagraw l-iskola.

Bħala spiżjar agħmel xogħol f’diversi spiżeriji madwar Malta. Hu kien anke fetaħ spiżerija fil-Ħamrun.

…il-mużika

John B. Cassar huwa sinonimu mal-poeżija u l-mużika. Sa minn età ċkejkna hu kien jikteb poeżiji li kellhom suġġett varjat. Qatt ma kien tgħallem sakemm…

Sakemm kien qed jagħti xi lezzjonijiet tal-privat lil Tony Cutajar li kien suldat, u li eventwalment laħaq Surmast tal-Banda. Tony xtaq lil John iressqu għall-eżami tal-GCE fl-Ingliż. Waqt li kienu jkunu flimkien ma kienx jonqos li d-diskors jaqa’ fuq il-mużika. F’dawn il‑waqtiet John ġietu tune li xtaq lil Tony jiżvillupah billi jiktibhielu.

Dak it-tune inkiteb u żviluppat fil-kanzunetta, ‘Non piangere così’. Il-kanzunetta ddaħħlet għal Malta Song Festival u kklassifikat fit-tieni post. Dan għamillhu kuraġġ u wara kkompona ‘Madonnina Omm Ġesù’ u din ukoll kisber suċċess kbir, tant li ġiet l-ewwel fil‑Festival of Malta Songs fl-1962.

L-interess ta’ John Cassar tant kien qawwi li Tony Cutajar għallmu jikteb l-mużika u fil-fatt John Cassar beda jagħmel ħafna prattika f’dan is-sens. Uliedu wkoll, li kienu qed jitgħallmu l-mużika għallmuh qatigħ.

Qatt ma ħares lura! Suċċess wara l-ieħor bħal, ‘Il Cavallino del West’, ‘Blue Cave’, ‘Good Night Amore’, ‘Briciole di Luna’, ‘Amore Dinamico’, ‘Qualcosa di più’, ‘Tu Libro de Oranciones’, ‘18 agosto’, ‘Love, Love, Love’, ‘Io credo in te’, ‘L’Abuela Beat’, ‘Speak of Your Tears’ u “Il-Ħajja taż-Żgħożija”.

Dawn il-kanzunetti lkoll ikkompetew b’suċċess f’diversi festivals li kienu jsiru f’Malta kif ukoll barra fosthom fl-Italja, Spanja u Franza. Il-kanzunetti kienu jiġu interpretati minn kantanti Maltin imma anke minn barranin bħal Mina u Johnny Dorelli.

JB Cassar mhux biss kien jieħu sehem f’festivals imma kien ukoll jorganizza hu stess festivals ta’ livell għoli fejn kienu jiġu mistiedna kantanti minn barra bħal dak li sar fl‑Alhambra fl-1966.

Kif jixhdu l-kanzunetti ta’ John, huwa bniedem spiritwali ħafna u kien attiv ħafna fil-Legion of Mary.

Huwa kien ukoll kollezzjonist akkanit tal-bolli.

Kien joqghod Museum rd u kien jghallem il-Lyceum fi zmieni c. 1956. Kanzunaetta ohra tieghu kienu “”La Giacca Rotta”” li hadet l-ewwel fill-konkors tat-tfal Zecchino D’Oro fuq ir-RAI TV, “”Luna Park”” u “”La Piuma Rossa”” kollha miz-zecchino d’Oro 1962,1963 u 1964. Dawn qeghdin kollha fuq il-youtube. – Joe Barbara Kien rebaħ L-ewwel post f’Zecchino D’Oro b ‘LA GICCA ROTTA’ Kantata minn tfajjel Malti RAY SULTANA. (m’inhiex ċert mill-isem tal-kantant. – Wallace Muscat Fil-fatt JB Cassar kien kiteb Il Cavallino Del West ghaz-Zecchino D’Oro u minghalija kienet giet fit-tieni post. La Giacca Rotta kien kantaha Raymond Debono izda ma kinitx kompozizzjoni ta’ JB Cassar. Ma jidhirlix li Luna Park u La Piuma Rossa kienu tieghu! Forsi John Cassar jista’ jghidilna ahjar. Madonnina Omm Gesu giet interpretata minn Terry L Bencini fil-Malta Song Festival tal-1960 u spiccat fl-ewwel post. Jien hrigtha fuq it-tikketta BELTER fl-1969 ghax kelli bzonn B side ghall-kanzunetta JOHNNY li ppartecipajt biha fil-Festival Internazzjonali ta’ Tenerife. Nahseb li hemm bzonn kbir li nippruvaw insibu izjed informazzjoni fuq il-kompozizzjonijiet ta’ JB Cassar ghax kien hemm hafna kantanti barranin u ta’ isem li kantaw il-kanzunetti tieghu. Zgur li ghamel gieh lir-Rabat!!! – Mary Buttigieg Besides being an Author, Composer, Festival Organizer, Chemist and Teacher, he was also a devoted father and loving husband. Thanks to him we (His Children) were brought up knowing the meaning of Good Manners, Integrity, Love and Morals. – Ray Emanuel

Sorsi:

Ref: Il-Mument, Il-Ħadd 5 t’April 1992 p12 u 13.

Christopher Farrugia

Segwi d-diskussjoni fuq dan il-personaġġ fuq Facebook

Ikkontribwixxi informazzjoni ghall-Bijografiji hawn.

e-Volve Internet Services – Last updated on: 28/01/2021

Leave a Reply