Patri Gużi Mifsud OSA

Patri Gużi Mifsud OSA – Reliġjuż [04/07/1932] – [09/02/2014]

Nhar il-Ħadd 9 ta’ Frar 2014, Patri Gużi Mifsud daħal fid-dar tal-Missier wara ħajja ta’ 81 sena.

P.Gużi twieled nhar l-4 ta’ Lulju 1932 fil-Birgu. Huwa ingħaqad mal-Ordni ta’ Santu Wistin fl-1949 u għamel l-ewwel professjoni reliġjuża fl-1 ta’ Jannar 1950. Tliet snin wara nhar 16 ta’ Marzu 1953 għamel il-Professjoni Solenni billi ħaddan il-voti tal-faqar, katità u ubbidjenza għall-ħajtu kollha. Huwa kien ordnat presbiteru fis-17 ta’ Marzu 1956.

P. Gużi qeda l-Ministeru tiegħu bħala reliġjuż Agostinjan f’diversi komunitajiet kemm f’Malta, f’Għawdex kif ukoll barra minn xtutna. Huwa għamel żmien jaħdem bħala missjunarju f’Tuneż. F’dawn l-aħħar tmintax-il sena kien membru tal-komunità tad-Dar tal-Formazzjoni fir-Rabat (Malta). P. Gużi jibqa’ mfakkar għall-ministeru tiegħu tal-predikazzjoni, b’mod partikolari fil-festi tal-paroċċi u waqt l-eżerċizzji tar-Randan. Huwa kien patri qrib ħafna tan-nies, b’mod partikolari l-morda, li kien iħobb iżur ta’ spiss.

Il-funeral sar fil-Knisja ta’ S. Mark nhar l-10 ta’ Frar 2014. Preżenti kien hemm fost oħrajn l-Eċċ Tiegħu, il-President ta’ Malta, Dr George Abela peress li P. Gużi kien kappillan tal-Palazz ta’ Verdala.

Sources:

(Meħuda minn Santa Rita u d-devozzjoni tagħha fil-gżejjer Maltin, Sena 89, Numru 4, Marzu-April 2014)

Ħajr: Christopher Farrugia

Segwi d-diskussjoni fuq dan il-personaġġ fuq Facebook

Ikkontribwixxi informazzjoni ghall-Bijografiji hawn.

e-Volve Internet Services – Last updated on: 28/01/2021

Leave a Reply