Misael Cassar

Misael Cassar – Tabib [1929] – [15/07/2014]

Misael Cassar Photo

Dr Cassar telaqna nhar il-15 ta’ Lulju wara nofsinhar. Kellu ħamsa u tmenin sena. Għal disgħa u ħamsin sena, kien tabib ir-Rabat, imma magħruf ukoll bħala Dr Cassar tal-Imdina. Dan minhabba s-snin twal ta’ tfultitu hemmek. Kien jagħti servizz ukoll fl-irħajjel madwar ir-Rabat, fosthom il-Baħrija, l-Imtaħleb, l-Għammieri, il-Kunċizzjoni, il-Fiddien, Santa Katarina, Bieb ir-Ruwa u l-Buskett.

Dr Cassar twieled il-Birgu. Kien jgħix ma’ zijuh Monsinjur, u ġie evakwat l-Imdina ta’ tmien snin, minħabba l-gwerra. Ftit żmien wara, il-familja kollha tiegħu telgħu l-Imdina, Dr. Cassar kien wieħed minn ħdax-il aħwa.

Mar skola l-Liceo u mbagħad l-Università ta’ Malta fejn iggradwa B.Sc., B.Pharm., u M.D.. Sar tabib fl-1955, u ħadem l-isptar San Luqa, l-isptar Monte Carmeli, l-isptar Santu Spirtu, Supretendent l-isptar Rużar Briffa ġewwa San Vinċenz de Pawl, u tabib ġewwa l-Occupational Health Unit tad-Dipartiment tas-Saħħa l-Belt. Imma l-ikbar xogħol tiegħu kien dejjem bħala tabib tal-familja, u serva wkoll għal ħafna snin bħala DMO (District Medical Officer) ir-Rabat u bnadi oħra. Kien tabib ukoll ghal ħafna sacerdoti u sorijiet fil-kunventi tar-Rabat u I-Imdina u kien jiehu ħsiebhom ukoll fil-volontarjat tieghu fid-Dar tal-Kleru, Fleur de Lys. Għal ħafna minn dawn l-aħħar snin, ħadem ukoll fil-Home tal-Anzjani, Ta’ Sawra. Kien wieħed mill-ewwel tobba ġewwa pajjijżna li ngħata MRCGP (Member of the Royal College of General Practitioners) ta’ l-Ingilterra.

Dr. Cassar kien iħobb xoghlu u kien iħobb lill-pazjent bil- qawwi. Ma kien jaħsibha xejn biex jagħmel ħinijiet twal ma’ persuni fil-bżonn kif ukoll, sa ftit biss żmien ilu, fl-iljieli u fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Għalih il-pazjent kien sagru u jiġi qabel kollox. Kien jikkunsidra li s-servizz lejn il-pazjent bħala privilegg kbir. Għalieh ukoll tabib ma’ kienx biss servizz imma professjonalità u kellu principji għoljin, u ta’ integrità.

Il-pjaċir tiegħu imbagħad, kien il familja. L-imħabba tiegħu kienet bla qies, mhux bil-kliem biss imma bid- dedikazzjoni kollha tiegħu. L-ikbar gost tiegħu kien ikun migbur mal-familja, u dawn l aħħar ħamsa u għoxrin sena igawdi lin-neputijiet tiegħu.
Dejjem ħass risponsabbiltà kbira soċjali. Għal ħafna snin kien president tal-fergha ta’ Kana tar-Rabat.
Għal tnejn u erbgħin darba, ta’ kull sena, kien jitla’ bħala t-tabib tal-Għaqda għat-Trasport tal-Morda Lourdes biex itella’ lill-pazjenti ħdejn il-Madonna b’mod totalment volontarju. Fl-2005 ingħata ‘Unur Rabat’ mill-Kunsill Lokali, għas-sehem tiegħu fil-qasam tal- volontarjat.

L imħabba tiegħu lejn il-familja u lejn il-pazjenti kienet maqbuża biss mill-imħabba tiegħu lejn Alla. Kellu fidi profonda. Kien ukoll jagħmel minn kollox biex jisma’ quddiesa kuljum, u għal ħafna, ħafna snin meta x-xogħol ma kienx iħallilu ħin, kont tarah dieħel kunvent ir-Rabat, hafna drabi Sant Agata, fis sagħtejn ta’ wara nofsinhar, ifittex saċerdot biex iqarbnu. Ir-rużarju filgħaxija ma kienx jonqos.

Kien bniedem li tant kellu interess fil-proxxmu, u wieħed mill-pjaċiri tiegħu kien li jiltaqa’ man-nies u erħilu jpaċpaċ u jirrakkonta. Il-festi tar-Rabat u ta’ madwar kienu tant għeziez għalieh, imma l-Birgu u San Lawrenz baqa’ tant ukoll marbut magħhom.

Dr Cassar illum ħalliena, imma l-memorji tiegħu jibqgħu ħajjin fil-qlub ta’ ħafna, ħafna Rabtin u nies fl-inħawi ta’ madwar. Jibqgħu ukjoll specjalment fil-qlub tal-maħbubin tiegħu, flimkien ma’ dak li għallimna u li tgħallimna min għandu.

Għatieh Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ibnu, Dr David Cassar.

 

Sorsi:

Dr David Cassar

Segwi d-diskussjoni fuq dan il-personaġġ fuq Facebook

Ikkontribwixxi informazzjoni ghall-Bijografiji hawn.

e-Volve Internet Services – Last updated on: 28/01/2021

Leave a Reply